Alfred Palma

ALFRED PALMA

Alfred Palma twieled fl-Isptar Centrali, il-Furjana (fejn illum hemm id-Depot tal-Pulizija), fit-8 ta’ Settembru, 1939, iben Carmelo u Maria (nee’ Fava). Dawn kienu żżewġu fl-1935 u qablu u warajh kellhom żewġ subien oħra li mietu fit-twelid. Kienu marru joqogħdu ġo dar żgħira fi sqaq numru 1 fi Triq il-Kbira, Ħaż-Żabbar, fejn dejjem għexu; iżda matul it-tieni gwerra marru jgħammru xi żmien ma’ Ġużeppi u Maria Palma, omm u missier Carmelo, f’numru 25, Triq id-Dejqa, Ħaż-Żabbar. Alfred jiftakar l-aħħar jiem tal-gwerra, l-aktar il-briju meta ċediet l-Italja fl-1943.

Beda jmur l-iskola tan-Nuna, fi Triq is-Santwarju, imbagħad għand is-sorijiet Dumnikani fi Triq il-Kbira u, naturalment, il-Mużew. Bejn l-1946 u l-1952 studja fl-Iskola Primarja tal-Gvern fi Triq Dingli u fl-1952 beda kors sekondarju fil-Kulleġġ De La Salle tal-Cottonera. Tul dawn is-snin, Alfred kellu tfulija hienja u normali; logħob ma’ tfal oħra, films ta’ spiss fit-teatru Buckingham ta’ Triq il-Kbira, teatrini ’l hemm u ’l hawn… Fis-sajf Wied il-Għajn jew ix-Xgħajra, għawm u tbaħrid. Iżda minkejja kollox, kien dejjem iħoss ġo fih ġibda kbira għall-arti. Missieru u zijietu l-irġiel kienu kollha bandisti gwappi, u missieru Carmelo għamel żmien twil jgħallem il-klarinett lil bandisti ġodda kemm id-dar u kemm fiż-żewġ każini filarmoniċi ta’ Ħaż-Żabbar. Tul dawn is-snin f’Alfred kompliet tikbes il-ġibda għall-mużika, għall-pittura u għall-letteratura. Fil-fatt, beda jikteb l-ewwel poeżiji tiegħu meta kien għadu De La Salle. Il-bluha tat-tfulija u ż-żgħożija bikrija missitu wkoll; iżda l-gost tiegħu kien jisma’ l-mużika (l-aktar dik klassika u operistika), ipinġi, u jikteb il-poeżiji. Għal dan il-għan, kien jagħżel minn rajh li jinqata’ għalih waħdu, jehda b’xi ħaġa jew oħra.. Ommu u missieru kienu tellgħuh indipendenti, u għalhekk dejjem ħassu komplut fih innifsu. Fl-1957 temm l-eżamijiet tal-Oxford u daħal emergency teacher mal-Gvern. Iżda xejn ma kien għal qalbu; u f’April tal-l959 daħal clerk-typist u ntbagħat fid-Dipatiment tas-Servizzi Soċjali.

Ħajtu kompliet bl-istess rutina ta’ qabel: xogħol, studju, films, namrar, u dak kollu li kienet tippermetti ż-żgħożija moralment ristretta ta’ dak iż-żmien. Iżda kienet żgħożija hienja! Sadattant, Alfred baqa’ jikteb il-poeżiji, ipinġi, iffissat fuq l-opri, il-mużika klassika, kif ukoll songs Taljani, Ingliżi u Amerikani. Lejn tmiem is-sena 1959 xtara pjanu second-hand u beda jistudjah waħdu. Kien għadda minn esperjenza ta’ diżappunt kbir fl-imħabba, li ftit ftit bdiet tagħilqu aktar fih innifsu u żżid fih il-melankonija u ċ-ċiniżmu li ssarrfu f’imħabba aktar imkebbsa għall-arti, l-aktar għall-mużika. Żied il-kitba tal-poeżiji, li bdew jidhru f’xi ġurnali; u mbagħad żied magħhom għadd kbir ta’ radjudrammi li kollha nstemgħu fuq ir-Rediffusion. Beda wkoll iżid l-interess f’Dante u fid-Divina Commedia. Fl-1968 kiseb kopja oriġinali ta’ dan ix-xogħol grandjuż, edizzjoni ta’ Eugenio Camerini (1800) u fis-sajf ta’ l-istess sena beda l-avventura li kien ilu joħlom biha għal xi snin: dik li jaqleb għall-Malti, bir-rima, id-Divina Commedia kollha. Kellu 26 sena u qajl qajl intebaħ għalxiex kien daħal; iżda l-isfida ried jilqagħha. It-traduzzjoni lestieha fl-1986; u f’dawn l-20 sena Alfred warrab l-aktar ħwejjeġ importanti f’ħajtu biex jilħaq l-għan tiegħu. Kien jgħaddi sigħat twal fuq dan ix-xogħol, divertiment mill-inqas; safar xejn. Il-ħajja kompliet f’rutina ta’ xogħol; lura d-dar: ftit tpinġija, sagħtejn pjanu, u mbagħad Dante! Imma fl-1986 lesta dan ix-xogħol kolossali li, kif basar, intlaqa’ mill-intellettwali b’reazzjoni mħallta, l-aktar xettika, u mhux mingħajr doża qawwija ta’ għira. L-opra stampaha fl-1991 u biha rebaħ it-tieni (!) premju fil-Konkors Nazzjonali 1992.

Wara s-suċċess li bdiet tikseb din it-traduzzjoni, Palma dar għad-drammi ta’ Shakespeare, u fl-1993 qaleb għall-Malti Romeo u Ġuljetta. Mat-traduzzjonijiet ta’ dawn id-drammi, il-ħajja għal Palma kompliet fuq l-istess rutina: poeżiji, tpinġija, daqq tal-pjanu, qari, xi siegħa fil-ġnien, u mħabba dejjem toktor għal dak li hu sabiħ u romantiku fil-ħajja. Is-solitudni għal Palma saret ħtieġa. Ma seta’ jippermetti lil ħadd jidħollu ’l ġewwa mill-bieb ta’ Arkadja tiegħu! Tnax-il dramm milli kien qaleb għall-Malti ġew stampati bejn l-1993 u l-1997, u bosta minnhom dehru fuq il-palk tat-Teatru Manoel. Issa kważi d-drammi kollha (38) huma lesti għall-istampa, bħalma huma xogħlijiet oħra kbar bħal Candide ta’ Voltaire u xogħlijiet popolari oħra ta’ Oscar Wilde, li tiegħu Palma ġa stampa Salome’, Ir-Ritratt ta’ Dorian Gray, li rebaħ il-Premju Letterarju (2006) u d-De Profundis (2007). Matul dawn l-aħħar snin, Palma rċieva bosta rikonoxximenti; iżda żgur li l-aktar wieħed għal qalbu hu li d-Divina Commedia tiegħu bil-Malti, f’Settembru li għadda, ġo Ravenna, waqt il-Progetto Dante 2008, żiedet isem Malta ma’ dawk tal-pajjiżi l-oħra li għandhom it-traduzzjoni tagħhom ta’ dan ix-xogħol kbir. Palma irtira mix-xogħol fl-1987, minħabba raġunijiet ta’ saħħa; iżda ra li jiddedika ħajtu biex jagħti lil Malta uħud mill-aqwa kapolavuri letterarji ta’ kull żmien. Palma għadu joqgħod Ħaż-Żabbar. Huwa għandu bosta passatempi: iħobb ħafna l-passiġġati twal, il-kultivazzjoni tal-ward, it-tisjir…Jemmen li minnu nnifsu il-bniedem, b’rieda soda u b’fidi sħiħa, jaf jikseb l-impossibbli. Huwa jobgħod il-vjolenza u l-moħqrija, kemm fuq bnedmin u kemm fuq annimali; ukoll il-qerq u l-faċċjoliżmu u, minkejja li hu ċiniku, għadu jittama li xi darba d-dinja tmur għall-aħjar!

Xogħlijiet letterarji ewlenin ta’ Alfred Palma: 1972: Qawsalla ’72: ko-awtur f’ġabra ta’ poeżiji ma’ Alfred Massa, John Sciberras u Maurice Vella Borg 1990: A Book of Wit (Excalibur Press - Renju Unit) 1991: Id-Divina Commedia – Dante (traduzzjoni kompluta u irrimata bil-Malti – tliet volumi) 1992: From Head to Toe (Excalibur Press – Renju Unit) 1993: Preludji (Ġabra ta’ poeżiji) 1994: Romeo u Ġuljetta (Shakespeare – traduzzjoni) 1994:100 Magic Prayers (Finbarr- Renju Unit) 1994: Bread and Wine Magic (Finbarr – Renju Unit) 1995: Il-Merkant ta’ Venezja (Shakespeare –traduzzjoni) 1995: Overdose: Rumanz oriġinali 1996: L-Imqarba Immansata (Shakespeare –traduzzjoni) 1996: Ħolma ta’ Lejla f’Nofs is-Sajf (Shakespeare –traduzzjoni) 1996: It-Tempesta (Shakespeare – traduzzjoni) 1996: Il-Kummiedja ta’ l-Iżbalji (Shakespeare – traduzzjoni) 1996: It-Tnax-il Lejl (Shakespeare – traduzzjoni) 1996: Macbeth (Shakespeare – traduzzjoni) 1996: Colour Magic (Finbarr – Renju Unit) 1996: What was I saying? Book of Wit 1996: Aħfrilna Dnubietna (Rumanz oriġinali) 1997: Hekk Kif Jogħġbok (Shakespeare – traduzzjoni) 1997: Hamlet (Shakespeare – traduzzjoni) 1997: Ġulju Cesri (Shakespeare – traduzzjoni) 2000: Il-Qanpiena ta’ Nofs il-Lejl (Ġabra ta’ stejjer – David James – traduzzjoni) 2004: Faith – The Magic Key (Finbarr – Renju Unit) 2004: Nature’s Magic (Finbarr – Renju Unit) 2005: Salome’ (Dramm ta’ Oscar Wilde – traduzzjoni) 2006: Ir-Ritratt ta’ Dorian Gray (Rumanz ta’ Oscar Wilde – traduzzjoni) 2007: De Profundis (Oscar
Wilde – traduzzjoni) Lesti għall-istampa: 26 dramm ta’ William Shakespeare, Candide ta’ Voltaire
(2007), l-Imrewħa ta’ Lady Windermere, Mara xejn importanti, L-aqwa li tkun tabilħaqq Ernest u
Raġel miżżewweġ ideali (erba’ drammi ta’ Oscar Wilde – traduzzjoni (2007-08) Katarsi: Ġabra ta’
poeżiji (l994 – 2006) Iħirsa tal-Ġibs: Rumanz oriġinali (2008).